Erin Tanti jingħata l-ħelsien mill-arrest

Wara kważi 15-il xahar arrestat, Erin Tanti, l-għalliem ta’ 24 sena akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
Tanti, li ilu jinżamm taħt arrest preventiv mit-3 ta’ April tal-2014, qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Zahra, li poġġielha ħajjitha fil-periklu, li kellu relazzjoni sesswali magħha, u li kellu ritratti indiċenti tagħha.
L-Imħallef Antonio Mizzi ordna li Tanti jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija ta’ San Ġiljan, u li ma joħroġx mid-dar bejn it-8pm u s-7am.
F’Marzu li għadda, l-Imħallef Michael Mallia ma kienx laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat wara oġġezzjoni mill-Avukat Ġenerali, minħabba biża’ li Tanti jaħrab mill-pajjiż.
Il-każ imur lura għad-19 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, meta Erin Tanti ttella’ minn taħt l-irdum flimkien ma’ Lisa Maria.