Erħilha għall-Imġarr bil-mutur f’Santa Marija

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar it-Tlieta 15 ta’ Awwissu 2017 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi għal Ħad-Dingli u jispiċċaw l-Imġarr.
L-inizjattiva qed tittieħed minn żewġ parroċċi dedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa solenni tagħha li jkun ukoll jum ta’ btala pubblika.  
Is-sewwieqa tal-muturi jinġabru fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fit-8.30 am.
Hemmhekk huma mistiedna jagħtu donazzjoni għall-bżonnijiet tal-istess dar li toffri għadd ta' servizzi għall-persuni b'diżabilita'.
Fid-8.45 am l-pellegrinaġġ jitlaq għal Ħad-Dingli fejn issir waqfa qasira ħdejn il-knisja.  
Il-pellegrinaġġ jissokta lejn l-Imġarr fejn hu stmat li jasal għall-ħabta tal-10am.
Il-muturi jiġu pparkjati fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali tal-Imġarr u jsir it-tberik tagħhom u tas-sewwieqa li jingħataw tifkira tal-okkażjoni.
Min jixtieq jista' jieħu sehem fil-quddiesa fil-knisja tal-Imġarr stess li tibda fl-10.30 am.