“Erġgħu iftħu l-għassa tal-Mellieħa 24/7” – Cutajar

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li wara li fl-2019, fil-Mellieħa beda s-servizz ta’ pulizija fil-komunita u dan kien esperiment li ħalla l-frott, issa jinsab infurmat li l-għassa tal-pulizija fil-Mellieħa ngħalqet b’mod permanenti.

Robert Cutajar f’kitba fuq Facebook qal li meta l-Gvern introduċa dan il-kunċett ta’ pulizija fil-komunità fuq proposta tiegħu f’isem l-Oppożizzjoni, huwa kien minn minn ta’ quddiem li faħħar din l-inizjattiva. Żied li madankollu ma jistax ma jkunx kritiku lejn l-awtortajiet li ħadu d-deċiżjoni li jagħlqu l-għassa tal-Mellieħa bl-iskuża tal-Pulizija fil-Komunità.

Bonġu.Filwaqt li kont jien f’isem l-Oppożizzoni li pproponejt biex f’pajjiżna jidħol il-kunċett tal-Pulizija…

Posted by Robert Cutajar on Monday, August 24, 2020

Il-Membru Parlamentari kiteb ittra lill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fejn talab biex id-deċiżjoni li l-Għassa tal-Mellieħa tkun magħluqa b’mod permanenti tkun irrevokata. Żied li l-Mellieħa huwa raħal li dejjem qiegħed jikber u matul is-sena jżuruh ammont kbir ta’ nies kemm Maltin kif ukoll barranin. Fl-ittra tiegħu Cutajar qal li, ‘huwa ċar li ma jistax ikun li l-għassa tal-Pulizija ma tkunx miftuħa l-ġimgħa kollha.’

Fil-jiem li għaddew numru ta’ sindki attendew għal sessjoni ta’ konsultazjoni li ttrattat il-pulizija fil-komunità. Il-Ministru Camilleri qal li l-pulizija u r-rappreżentanti fil-komunità għandhom ikunu tim wieħed u ħafna drabi huma jkunu l-ewwel referenza għall-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna. Camilleri qal li l-pulizija għandhom ikunu aktar fit-toroq milli wara l-bank ta’ xi għassa. Huwa semma l-lokalità tal-Mellieħa bħala eżempju ta’ suċċess għall-pulizija fil-komunità.

Tliet lokalitajiet oħra se jkunu qegħdin jintroduċu l-kunċett ta’ pulizija fil-komunità fiż-żmien li ġej. Dawn huma l-Fgura, s-Swieqi u r-Rabat Malta.

Bejn Mejju 2019 u Ġunju ta’ din is-sena fil-lokalità tal-Mellieħa saru 1,870 rapport fl-għassa tal-pulizija.