Filmat: “Erġajna fi żmien meta l-informazzjoni mhux fl-interess tal-poplu” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li x-shadow cabinet tal Partit Nazzjonalista se jibda jaħdem fuq l-ewwel tliet prijoritajiet.
Huwa talab lil Marthese Portelli, Claudette Buttigieg u Jason Azzopardi biex jaħdmu fuq il-prezzijiet għoljin tal-fuels, in-nuqqasijiet fis-settur tas-saħħa u t-trasparenza.
Qal li jrid li l-Oppożizzjoni tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.
Dwar il-prezz tal-fuels, Simon Busuttil qal li l-prezzijiet f’Malta tal-petrol u id-diesel huma l-ogħla fl-Ewropa qabel it-taxxa.
Spjega li meta persuna tixtri l-fuel mill-pompa tal-petrol issib li l-petrol huwa ir-raba’ l-ogħla u id-diesel huwa it-tielet l-ogħla.
Busuttil qal li fl-1 ta Jannar, il-Gvern naqqas il-prezz b'ċenteżmu u żewġ ċenteżmi rispettivament biex jaljena lin-nies.
Dwar is-settur tas-saħħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’Mater Dei is-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar u qed tnaqqas mid-dinjità tal-pazjenti.
Qal li żdiedu l-pazjenti fil-kuruturi, in-nisa qed ipoġġuhom fil-kuruturi mal-irġiel u mhux qed jinħaslu pazjenti wara l operazzjonijiet.
Dwar it-trasparenza, Simon Busuttil qal li d-dritt tal-informazzjoni huwa kruċjali f’pajjiż indipendenti imma l-Gvern Laburista qed jaħbi l-kuntratti, li magħhom rabat ukoll lill-Gvern.
Staqsa kif jista’ jsir dibattitu Parlamentari fuq il-kuntratt ma’ Shangai Electric meta l-Gvern jaf kollox u l-Oppożizzjoni u l-poplu ma jafu xejn.