​Erġajna 1-1 … ħames dros minn tmien logħbiet

Il-Kosta tal-Avorju li spiċċaw bi plejer inqas wara t-tkeċċija ta’ Gervinho, kisbu dro ta’ 1-1 kontra l-Ginea.
It-tim tal-Kosta tal-Avorju huwa wieħed mill-favoriti, wara li ilu 23 sena jipprova jerġa’ jgħolli t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.
Fis-36 minuta Mohamed Yattara poġġa lil Ginea fil-vantaġġ, wara li approfita ruħu minn żball tad-difensur Serge Aurier.
Fit-tieni taqsima l-affarijiet komplew jiggravaw, hekk kif fit-58 minuta Gervinho ta daqqa ta’ ħarta lill-plejer avverarju u inevitabilment ġie mogħti l-karta l-ħamra.
Madanakollu fit-72 minuta, is-sostitut Seydou Doumbia, ġab id-dro għall-Kosta tal-Avorju.
Fil-logħba tant mistennija bejn il-Mali u l-Kamerun, reġa’ kellna dro ieħor ta’ 1-1.
Il-Mali ddominaw l-ewwel taqsima u kienu sfortunati li ma marrux fil-vantaġġ.
Fl-aħħar fil-71 minuta Sambou Yatabare bi ġmiel ta’ gowl poġġa lill-Mali fil-vantaġġ.
Dan il-gowl qajjem lill-plejers Kameruniżi u sitt minuti mit-tmiem Ambroise Oyongo ġab il-gowl tad-dro.
B’hekk fi Grupp D it-timijiet kollha għandhom punt.
Illum ikollna t-tieni sett ta’ logħbiet minn Grupp A, fejn il-Ginea Ekwatorjali jilagħbu kontra l-Burkina Faso u l-Gabon jilagħbu kontra l-Kongo.