‘Erġa aħsibha’ – il-Vatikan lil Trump

"Fortunatament fl-Amerika hemm min ma jaqbilx ma’ Trump” qal il-Kardinal Peter Turkson, il-prefett tad-dekasteru l-ġdid tal-Vatikan għall-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem. Huwa kien qed jikkummneta prinċipalment dwar id-deċiżjonijiet tal-President Trump fuq l-immigrazzjoni u l-ambjent. Turkson wera t-tama li l-Knisja Kattolika tuża l-influwenza tagħha biex Trump ibiddel ir-rotta.
Il-Kardinal Turkson wera d-diżappunt kbir tiegħu għad-deċiżjonijiet ta’ Trump li se jagħmlu ħsara lill-ambjent, peress li Trump neħħa  restrizzjonijiet li kienu saru minn Obama dwar l-użu tal-faħam.
Huwa qal li jekk l-Amerka tibqa’ tieħu deċiżjonijiet kontra l-ambjent allura jista’ jiġri li "l-Amerka toħloq vakum li ċ-Ċina timla." Skont il-Kardinal Turkson, il-President Amerikan qed jirriskja li jitlef it-tmexxija tal-bidla fil-klima liċ-Ċina.
"Aħna bħala Knisja, nittamaw li (il-pożizzjoni ta’ Trump) tinbidel” qal Turkson, u żied li huwa jittama li l-president jirrealizza li r-realtà mhux dejjem taqbel ma’ dak li jkun intqal fil-kampanja elettorali.
Il-Vatikan anki wera l-inkwiet tiegħu li l-baġit tal-Istati Uniti qed iżid l-infiq militari għad-dannu tal-protezzjoni ambjentali u għajnuna barranija.