Erfa’ r-responsabilità politika dwar Silvio Valletta – Aquilina lil Scicluna

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna biex jippubblika tliet ismijiet li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun issuġġerixxa lill-Gvern biex iservi fuq il-bord tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi, Aquilina qal li wara li sal-2014, kien nominat Pierre Calleja, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna beda jinnomina lil Silvio Valletta, ir-raġel tal-eks Ministru Justyne Caruana.

Dr Aquilina saħaq li Scicluna, għandu jwieġeb għaliex Valletta baqa’ jiġi nominat mill-Gvern minkejja li wara ħareġ li dan kien ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech, wieħed mill-kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iċ-Ċittadinanza saħaq li minkejja li l-Ministru Scicluna dejjem żelaq mir-responsabbiltà politika ta’ din l-għażla, Valletta kellu kunflitt ta’ interess kostituzzjonali meta l-FIAU kienet qed tinvestiga l-kumpaniji tal-eks chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. 

Ma teżisti l-ebda lista – Aquilina

Aquilina allega li ma teżisti l-ebda lista ta’ tliet persuni iżda sempliċiment jew il-Ministru personalment għażel lil Valletta jew ismu ġie impost fuqu.

Huwa fakkar kif Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech biex jara żewġ partiti futbol u kif it-tfal ta’ Fenech kienu jsejħu lil Valletta ‘ziju’.

Kien hemm bosta rapporti tal-FIAU li ma wasslu għalxejn – Farrugia

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia ċanfar lil Aquilina għad-diskors li għamel u qal li dan it-tip ta’ diskors ma jattirax nies lejn il-politika. Huwa qal li l-Gvern mhux se joqgħod iperreċ ismijiet ta’ nies li kienu fuq dik il-lista iżda ma ġewx nominati. Huwa qal li r-rwol tal-FIAU mhux li jagħmel investigazzjonijiet iżda hi l-Pulizija li tinvestiga. Farrugia stqarr li kien hemm ħafna rapporti tal-FIAU li ma wasslu għa lxejn meta ġew investigati.

“Dawn l-attakki jagħtuni l-enerġija” – Il-Ministru

Il-Ministru Edward Scicluna eventwalment irreaġixxa għal dak li qal Aquilina fuq Facebook, u qal li kien qed jimxi mal-proċedura addottata minn gvernijiet preċedenti meta għażel lill-kandidat addattat mit-tlieta sottomessi mill-Kummissarju tal-Pulizija. Osserva li dak iż-żmien, Justyne Caruana kienet Membru Parlamentari fil-backbench u mhux parti mill-Kabinett.

Scicluna qal li Aquilina “ippretenda li fl-2013/2014 il-Ministru jkollu d-don li jkun jaf li fl-2019 din il-persuna se tmur partita futbol u ma’ min.”

Żied jgħid li attakki bħal dawn jinkoraġġuh u insista li l-Oppożizzjoni “jaqbadhom dwejjaq kbar” kull darba li aġenzija tar-ratings tagħti riżultat tajjeb lil Malta.

“Dawn l-attakki jagħtuni enerġija ikbar biex ngħin lill-Gvern tagħna u lil pajjiżi,” temm jgħid il-Ministru.