Erdogan jirbaħ l-elezzjoni fit-Turkija

Reuters

Read in English.

Minkejja elezzjoni presidenzjali meqjusa kemmxejn ħarxa fit-Turkija, Tayyip Erdogan irnexxielu jirbaħ it-tieni mandat tiegħu bħala President tal-pajjiż.

Iċ-Ċermen tal-bord elettorali, Sadi Guven qal li dan ħareġ wara li ġew valutati 97% tal-voti fejn Erdogan kellu maġġoranza assoluta.

Riżultati mhux uffiċjali fuq Televiżjoni Torka wkoll taw ir-rebħa lill-partit ta’ Erdogan u l-partit li miegħu għandu alleanza bħala r-rebbieħa tal-maġġoranza fil-Parlament.

Madanakollu, il-partit ewlieni fl-oppożizzjoni ma ammettiex it-telfa mill-ewwel, għaldaqstant aktar tard sostna li se jkompli jiġġieled għad-demokrazija, ikun xi jkun ir-riżultat elettorali.

Min-naħa tiegħu, Erdogan saħaq li l-pass li jmiss hu li jibda jfassal pjanijiet sabiex il-wegħdiet li għamel lill-poplu Tork isiru realtà. Dan qalu f’diskors mill-gallarija tal-kwartieri tal-partit AK f’Ankara ftit wara t-3am.

Hu wiegħed li l-awtoritajiet, se jkunu qed jaħdmu b’mod aktar effettiv kontra attakki minn organizzazzjonijiet terroristiċi.

Fid-diskors spjega wkoll li l-armata Torka se tkompli tissielet sabiex teħles l-artijiet Sirjani sabiex mat-3.5 miljun refuġjat Sirjan fit-Turkija jkun jista’ jirritorna lura pajjiżu.

Erdogan li għandu 64 sena huwa wieħed mill-aktar politiċi popolari, imma diviżivi fit-Turkija tal-lum.