Erdogan jestendi l-istat ta’ emerġenza qalb aktar protesti mill-poplu

Waqtiet ta’ vjolenza reġgħu kisbu l-faċċati tal-aħbarijiet mit-Turkija, hekk kif ġie estiż l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż mill-Gvern Tork.
Il-ġlied seħħ f’Diyarbaikr fix-Xlokk tal-pajjiż, provinċja ddominata l-aktar mit-Torok Kurdi.
L-istat ta’ emerġenza fit-Turkija ilu sa minn sena ilu, meta grupp militari pprova jwettaq kolp ta’ stat, iżda ma rnexxilux.
Wieħed mill-effetti negattivi ta’ dan l-istat ta’ emerġenza huwa t-tkeċċija ta’ eluf ta’ ħaddiema tal-gvern.
Ilbieraħ il-Parlament Tork reġa estenda għar-raba’ darba dan l-istat, u n-nies niżlu jipprotestaw fit-toroq.
Mhux kulħadd jaħsibha l-istess dwar il-miżura.
L-avukat u membru tal-Partit għall-Ġustizzja u l-Iżvilupp, Bulent Turan, qal li ħadd ma jrid jgħix f’pajjiż fi stat ta’ emerġenza daqshekk fit-tul, iżda l-problema li qed taffaċċja t-Turkija jeħtiġilha li ssejjaħ dan l-istat, inkella mhux se tkun kapaċi tiġġieled lit-terroriżmu.
Min-naħa l-oħra Aytug Atici, mill-Partit Repubblikan tal-Poplu, il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, jargumenta li Erdogan qed juża l-iskuża tal-istat ta’ emerġenza sabiex iwaqqaf reġim dittatorjali.