Erdogan iħeġġeġ lit-Torok ibigħu d-deheb

Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan qal lit-Torok biex ibigħu id-deheb li għandhom kif ukoll id-dollari Amerikani biex jappoġġjaw il-valuta tal-pajjiż li waqgħat drastikament wara li l-President Amerikan Donald Trump żied il-pressjoni fuq it-Turkija li hija alleat tal-Amerika fin-NATO billi rdoppja t-tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-metalli.

Il-valur tal-lira Torka ilu nieżel minħabba tħassib dwar l-influwenza li għandu Erdogan fuq il-politika monetarja Torka u minħabba li r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti sejrin għall-agħar.

F’punt minnhom il-valuta niżlet bi kważi 18%, l-akbar waqgħa mill-kriżi finanzjarja li ħakmet lit-Turkija fl-2001.

L-effett ta’ dan inħass mis-swieq finanzjarji globali, b’mod speċjali fis-swieq tal-ishma Ewropej hekk kif dan beżża’ lill-investituri minħabba li l-banek huma esposti għat-Turkija. Dan ħalla effett ukoll fuq l-ishma Amerikani.