Erbat ijiem importanti għar-riforma tal-Kurja Rumana

Mil-lum sa nhar il-Ġimgħa se  jkunu erbat ijiem deċiżivi għall-Vatikan hekk kif il-Kunsill tal-Kardinali, li jagħti pariri lill-Papa dwar it-tmexxija tal-Knisja, beda jiltaqa’ biex iħejji r-rapport dwar ir-riformi fi ħdan il-Kurja Rumana.
L-iskop tar-riformi hu biex ikun hemm tmexxija aħjar, immodernizzar, semplifikazzjoni u inqas spejjeż fil-ħidma tal-Kurja Vatikana.
It-tminn kardinali u s-Segretarju tal-Istat Pietro Parolin għandhom f’idejhom ukoll r-rapport annwali tal-Bank tal-Vatikan.
Dan ifisser li nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju, jistgħu jsiru magħrufa uħud mill-proposti li ilhom jissemmew xhur.  Fost dawn qed jissemmew li r-radju, it-televixin u l-gazzetta tal-Vatikan jingħaqdu f’dipartiment wieħed.  
Il-Kardinali jistgħu jiddeċiedu jekk il-Kunsill tal-Familja hux se jingħaqad ma’ xi kongregazzjoni jew inkella jibqa’ kif inhu anke minħabba ż-żewġ Sinodi li jmiss huma  ddedikati lill-familja.
Minn dawn l-erbat ijiem wieħed jista’ jistenna minn kollox hekk kif wara l-aħħar laqgħa ta’ Diċembru li għadda, il-Papa Franġisku ħabbar li se tibda taħdem il-Kummissjoni dwar il-Ħarsien tal-Minuri, bil-għan li tiġġieled l-abbuż sesswali u tgħin lill-vittmi.