Erbat ijiem f’Għawdex għall-anzjani

Ikel, mixjiet, quddies, żjajjar f’postijiet storiċi u artiġjanali, tombla u anke dawra bil-ferrovija. Dawn huma ftit mill-ingredjenti li jsawru l-programm sħiħ ta’ erbat ijiem għall-anzjani li jiddeċiedu li jqattgħu erbat ijiem f’Għawdex.
L-iskema Neħduk Għawdex tkopri mit-Tnejn sal-Ħamis. Kollox jibda għal ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart tat-Tnejn meta l-grupp ta’ anzjani jsib it-trasport jistennieh fl-Imġarr. Minn hemmhekk imorru jieklu, jistrieħu fil-lukanda, dawra ma’ Għawdex bil-ferrovija u wara ikla fil-lukanda fejn ikunu qed joqogħdu.
It-Tlieta jqattgħu nofstanhar ir-Rabat, b’quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, żjara fil-mużew Il-Ħaġar, u ikla ħafifa u tombla.  Mir-Rabat imorru l-Għarb fejn iżuru l-mużew il-ġdid ta’ Karmni Grima, is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u ċ-Ċentru tal-Artiġjanat f’Ta’ Dbieġi.
Imbagħad l-Erbgħa jerħulha għan-Nadur fejn jibdew b’quddiesa fil-Bażilika tan-Nadur, ħin liberu fuq il-monti u żjara fil-Mużew Marittimu. Wara jimxu ftit mal-Belvedere tan-Nadur u jżuru t-torri ta’ Kenuna.
Il-Ħamis qabel jaqbdu l-vapur lejn Malta, iżuru l-Knisja Rotunda fix-Xewkija, u mawra f’fabbrika tal-ikel fix-Xewkija stess.
Il-grupp se jkun akkumpanjat kważi tul il-ġita kollha minn tour leader. Il-programm huwa suġġett għal kull tibdil skont il-bżonnijiet tal-gruppi.
Għal aktar dettalji u prezzijiet wieħed jista’ jċempel lill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija fuq 21565171.