“Erba’ xhur wara għadni ma nafx x’sar minnha.” – Resident miż-Żejtun

Resident fiż-Żejtun ma' tantx kellu Milied hieni hekk kif f'jum il-Milied li għadda nsterqitlu l-karozza.
Ma' Newsbook.com.mt r-resident stqarr dwar kif ftit inqas minn 4 xhur ilu, f'jum il-Milied, inħasad hekk kif ħareġ mid-dar u sab li l-karozza tiegħu għebet minn taħt il-gallarija tad-dar fejn kienet ipparkjata f'Misraħ il-Bandolier.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma' Newsbook.com.mt li l-każ għadu qed jiġi investigat. Meta nsterqet il-karozza kellha l-pjanċi BBN 213.
Sid il-karozza qal ma' Newsbook.com.mt li l-karozza kellha l-windscreen imxaqqaq ftit fin-naħa minn fuq fin-naħa tax-xufier u li kif inhi magħmulha l-karozza l-pjanċa ta' wara bilfors trid teħel mal-ġenb. Jekk xi ħadd ikollu xi informazzjoni għandu jagħmel kuntstt mal-Pulizija billi jċempel 119.
Dan hu t-tieni każ magħruf ta' serq ta' vetturi miż-Żejtun fl-aħħar xhur hekk kif fl-aħħar 24 siegħa nsterqet vettura oħra.