Erba’ studenti joħolqu App tal-Park tal-Majjistral

Tim ta’ studenti żgħażagħ ħolqu applikazzjoni tal-mowbajl tal-Majjistral – Park ta’ Natura u Storja, wara li saret sejħa mill-Innovation Hub tal-MITA.
It-tim kien magħmul minn erba’ studenti li flimkien ma’ professjonisti tal-MITA, għalliema tal-Università ta’ Malta u mill-Microsoft Innovation Centre, qattgħu ix-xhur tas-Sajf fil-MITA Innovation Hub ta’ Smartcity Malta, jaħmdu fuq id-disinn u s-software tal-App.
Oriġinarjament l-isfida ġibdet l-attenzjoni ta’ 17-il tim, li minnhom intgħażlu tnejn u li aktar tard ingħaqdu biex iffurmaw l-app.
Waqt it-tnedija tal-App, il-Park tal-Majjistral organizza open day u nieda kompetizzjoni tal-fotografija. Biex wieħed jieħu sehem, irid juża din l-App biex jieħu ritratti tal-Park u jpoġġihom fuq il-paġna ta’ Facebook.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat, u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompettività Josè Herrera.
L-App tal-park tista’ titniżżel mill-Apple Store u anke minn Google Play.