Erba’ snin oħra ħabs għal raġel li seraq iktar minn €2,300

Massimo Caruso, li diġà għamel sitt snin il-ħabs, ingħata s-sentenza ta’ erba’ snin priġunerija wara li nstab ħati ta’ serqa.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li l-akkużat kien konxju minn dak li kien qed jagħmel meta seraq iktar minn €2,300 fi flus u ġojjelli f’residenza privata, f’San Ġwann, f'Lulju tal-2010.
L-akkużat għażel li ma jagħti l-ebda raġuni fuq il-marki tas-swaba’ li nstabu fil-post li seħħet is-serqa.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat sostna li Caruso ma qanqal l-ebda rimors għall-imġiba tiegħu jew għat-trawma li kellu jgħaddi minnha l-vittma.
Caruso se jiġi megħjun biex jegħleb il-problema tad-droga, filwaqt li se jitħalla jagħmel xogħol komunitajru, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Maġistrat.