Tindif f’Kemmuna: 4 persuni investigati

Erba’ persuni mistennija jitressqu quddiem it-Tribunal Lokali b’rabta mal-każ ta’ ħaddiema allegatament beach cleaners, li l-ġimgħa li għaddiet dehru jitfgħu l-iskart kollu fil-baħar f’Kemmuna.

Il-pulizija bdiet tinvestiga dan l-aġir wara li filmat dwar dan it-tindif ixxandar fuq Newsbook.com.mt.

Min-naħa l-oħra, għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt dwar jekk il-Ministeru għal Għawdex hux se jieħu azzjoni kontra dan l-aġir, kelliem għall-Ministeru qal biss li fil-filmat, il-persuni li qed inaddfu jidhru mill-bogħod u ma jistgħux jingħarfu. 

Il-Ministeru għal Għawdex lanqas wieġeb jekk it-tindif hux qed isir b’mod differenti wara li xxandar dan il-filmat.

Il-persuna li ġibdet il-filmat irrakkuntat ma' Newsbook.com.mt kif ftit wara s-6.30 pm waqt li kienet tgħum, fil-bajja ddomina storbju kbir li kien ġej minn mutur li bih beda jittella’ l-ilma baħar permezz ta’ pajp.

Qalet ukoll li dan kien biss il-bidu għax wara li erbat irġiel bdew jitfgħu l-ilma biex inaddfu ż-żona, b’żewġ xkupi kinsu kollox għal ġol-baħar.

L-istess persuna ddeskriviet kif il-baħar bidel lewnu bil-ħamrija, sigaretti, karti, boroż u żibel ieħor.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.