Read in English.
Erba’ persuni ndarbu b’arma li taqta’ fil-belt Ġermaniża ta’ Hanau nhar it-Tlieta filgħaxija, skont rapporti mill-pulizija. Wara l-attakk il-pulizija żammew żewġ persuni suspettati għal aktar stħarriġ.
Il-pubblikazzjoni Ġermaniża Focus Online irrappurtat sorsi tal-pulizija li qalu li grupp ta’ bejn ħames u seba’ rġiel kienu attakkaw bi skieken lil xi persuni li kienu miexja fit-triq. Ir-rivista qalet ukoll li l-ebda waħda mill-vittmi tal-attakk ma tinstab fil-periklu li titlef ħajjitha.
Erba’ persuni ddaħħlu fi klinika f’Hanau, viċin iċ-ċentru finanzjarju ta’ Frankfurt fil-punent tal-Ġermanja, b’feriti li jinkludu daqqiet b’arma li taqta’, skont ir-rapport tal-pulizija.
Wieħed mill-irġiel suspettati maqbuda mill-pulizija għandu 23 sena, filwaqt li l-ieħor għandu 29 sena.
Kelliem għall-pulizija qal li għadu mhux ċar x’kienet ir-raġuni għall-attakki. Madankollu hu żied jgħid li ma kien hemm l-ebda sinjal li l-inċident kien marbut mal-qtil ta’ disa’ persuni barranin wara sparatura fatali fi Frar li għadda.
F’dak l-inċident, raġel ta’ 43 sena b’tendenzi razzisti spara fuq u qatel lil disa’ persuni f’bars tax- shisha f’Hanau qabel ma qatel lil ommu u lilu nnifsu, attakk li xxokkja lill-Ġermanja kollha.