Erba’ ommijiet mgħejjuna wara li l-missier ħa lill-ulied f’pajjiż ieħor

Fis-sentejn li għaddew il-Gvern għen erba’ ommijiet Maltin li wliedhom ittieħdu minn missierhom f’pajjiż ieħor barra minn Malta.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Vella qal li b’kollox, fl-aħħar sentejn il-Gvern għen 72 persuna Maltija barra minn Malta: 20 każ fl-2014 u 52 każ fl-2015.
Dawn kienu jinkludu 23 każ ta’ Maltin arrestati f’pajjiż ieħor, li minnhom tnejn għadhom arrestati.
Kien hemm ukoll 16-il każ ta’ Maltin li ġew mgħejjuna sabiex jiġu evakwati minn żoni milquta minn diżastri naturali.
Fl-istess perijodu kien hemm 12-il persuna ġew mgħejjuna wara li tilfu d-dokument tal-ivvjaġġar.
Inġiebu ukoll seba’ kadavri ta’ Maltin li mietu barra l-pajjiż waqr li erba’ persuni kellhom bżonn għajnuna Medika.