Erba’ mini ġodda biex jonqos it-traffiku lejn San Ġiljan

Read in English.

Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet għal erba’ mini ġodda u t-twessigħ ta’ Triq Sant’Andrija sabiex ittejjeb l-effiċjenza fil-konnessjonijiet tat-toroq bejn Pembroke, San Ġiljan u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Dan il-proġett jismu Pembroke-St Julian’s Connections.

Il-proġett jestendi minn Triq il-Kosta sa Triq Reġjonali, qabel il-Pont Manwel Dimech u d-daħliet tat-Tramuntana tal-mini f’Ta’ Giorni. Ilbieraħ Infrastructure Malta ppreżentat l-applikazzjonijiet inizjali lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tkun tista’ tiġi varata l-konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett u jinkisbu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa, skont il-proċeduri applikabbli.

B’dan il-proġett, għandhom jinbnew mill-ġdid Triq Sant’Andrija u parti minn Triq il-Kosta b’erba’ korsiji, it-tneħħija ta’ xi dwal tat-traffiku u djuq li hemm fir-rotta. Se jiżdiedu wkoll 4 mini maħsuba biex jiffaċilitaw it-traffiku lejn Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi.