Erba’ kandidati ġodda għas-saċerdozju

Kurja

Erba’ seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof se jitolbu lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali, skont l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li ċ-ċelebrazzjoni se ssir nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019, waqt il-Quddiesa tal-Epifanija fil-Konkatridral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9:15 a.m.

Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun, Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi, se jistqarru pubblikament ir-rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

L-Arċisqof, f’isem il-Knisja, se jkun qed jitlobhom biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.