Erba’ kandidati ġodda għas-saċerdozju

Erba’ seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, se jitolbu lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali.
Din iċ-ċelebrazzjoni se ssir nhar il-Ħadd li ġej, waqt il-Quddiesa tal-Epifanija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9:15 a.m.
Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi, David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, u Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Lunzjata, Ħal Tarxien, se jistqarru pubblikament ir-rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.
Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il-Knisja, se jkun qed jitlobhom biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.
Fi stqarrija, il-Kurja f'Malta qalet li l-komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn l-erba’ kandidati għas-saċerdozju.