Erba’ jinqatlu f’attakk fuq bażijiet militari f’Tennessee

Erba’ marines Amerikani nqatlu f’żewġ bażijiet militari f’Tennessee, ftit biss bogħod minn xulxin, minn ċittadin Amerikan ta’ 24 sena, oriġinarjament mill-Kuwait.
L-awtur tal-attakk, Mohammed Youssef Abdulazees inqatel fl-attakk.
Membru mara tal-marines tinsab f’qagħda kritika waqt li tnejn oħra jinsabu midruba imma mhux b’kundizzjonijiet gravi.
Għalkemm għadu kmieni biex l-FBI tiddikjara ruħha dwar il-każ, jidher li r-raġel saq għal fuq il-bażijiet militari waħdu, f’karozza privata, u dam jispara madwar nofsiegħa.
Il-Pulizija qed tagħmel tfittxijiet fid-dar tar-raġel bit-tama li tifhem aħjar ir-raġuni tal-attakk għalkemm s’issa ma jidhirx li hemm involuti organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ terroriżmu.