Erba’ investituri juru l-interess fl-iżvilupp ta’ Marine Hatchery

Erba’ investituri kemm lokali u dawk barranin, applikaw għas-sejħa ta’ interess maħruġa mis-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Agrikoltura għad-disinn ta’ kostruzzjoni u operazzjoni ta’ Marine Hatchery. Din se ssir bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat.

Din il-Marine Hatchery għandha tinkludi wkoll Ċentru ta’ Riċerka tal-Akwakultura ikbar min dik li hemm f’Torri ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk. Il-proġett mistenni jippromwovi akwakultura sostenibbli b’divesità ta’ speċi ta’ ħut li jitrabba minn bajd.

S’issa, fi ħdan iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka tal-Akwakultura qed jitfaqqsu speċi ta’ valur ogħli bħall-aċċjol u t-tonn. Qed isir ukoll xogħol fuq speċi ġodda bħal gurbell, sargi, ir-rizzi u l-ħjar tal-baħar. Dan mingħajr ma jiġu esklużi l-ispeċi tradizzjonali bħall-awrat u l-ispnott.

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet, fil-jiem li ġejjin, is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Agrikultura sa jappunta bord sabiex dawn il-proposti jiġu meqjusin u issir deċiżjoni għall-pass li jmiss.