Erba’ containers b’aktar minn 110,000 prodott falz

Id-Dwana għalqet l-investigazzjonijiet tagħha wara li fil-jiem li għaddew Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Propjeta’ Intellettwali nterċettaw erba’ containers li kienu qed iġorru 110,172 prodott falz.

Mill-ewwel container ġew elevati 26,592 flixkun fwieħa falza ta’ disgħa ditti rinomati. Fit-tieni container instabu 42,144 flixkun shampoo falz ta’  żewġ ditti rinomat, u mit-tielet u r-raba’ container ġew konfiskati 41,436 flixkun vojt, ta’ żewġ ditti rinomati tal-fwieħa, bl-intenzjoni ċara li jiġu mimlija bi fwieħa ta’ kwalita’ inferjuri.

F’din il-ħidma kien hemm koordinament sħiħ bejn it-Taqsimiet tal-Propjetà Intelletwali tad-Dwana, il-Container Monitoring Unit u l-iScanning Team.

L-oġġetti kollha maqbuda rriżulta li huma foloz wara li  rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati, ikkonfermaw l-illegalità ta’ dawn il-konsenji. Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.