Erasmus: Se jingħataw il-fondi l-Maltin li jmorru r-Renju Unit sa Ottubru

Studenti universitarji li applikaw għall-fondi tal-Erasmus+ sabiex imorru jistudjaw jew jagħmlu internship fir-Renju Unit kellhom qalbhom imtertqa għal dawn l-aħħar xhur minħabba Brexit, peress li ma setgħux jingħataw konferma li se jieħdu l-fondi għall-istudji tagħhom peress li l-proċess tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea baqa’ dejjem jiġġedded. Fl-aħħar ġranet, l-istudenti ġew infurmati li dawk minnhom li se jibdew l-istudji tagħhom fir-Renju Unit qabel il-31 t’Ottubru, se jingħataw il-fondi.

Dan qaluh xi studenti lil Newsbook.com.mt li esprimew kemm huma grati li fl-aħħar għandhom konferma li jistgħu jwettqu l-istudji tagħhom barra minn Malta. Dawk li applikaw għal xi studji jew traineeships fl-Ingilterra, fl-Iskozja jew fl-Irlanda ta’ Fuq ma kinux jafu jekk humiex se jingħataw l-għajnuna finanzjarja tal-uffiċċju tal-Erasmus peress li din hi skema tal-Unjoni Ewropea. Kien hemm min saħansitra tħalla jistenna sa xahar qabel ma kien se jibda l-istudji tiegħu.

Filmat: X’se jiġri mill-istudenti Maltin aċċettati għall-Erasmus fir-Renju Unit?

Madankollu, jidher illi l-istudenti li se jerħulha lejn ir-Renju Unit qabel tmiem Ottubru se jirnexxilhom jibbenefikaw mill-iskema tal-Erasmus+, possibbilment għall-aħħar darba, qabel ma r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea.

Ix-xahar li għadda, Newsbook.com.mt wassal il-mistoqsijiet ta’ dawn l-istudenti għand Michel Barnier, in-Negozjatur Ewlieni tal-UE għal Brexit, li kien qiegħed Malta għal xi laqgħat. Barnier qal li hemm bżonn ftehim speċifiku biex jitwal il-programm tal-Erasmus kemm minħabba finanzi u anke minħabba loġistika. Mistoqsi jgħid x’se jiġri mill-istudenti Maltin li ġew aċċettati f’Universitajiet fir-Renju Unit għall-programm Erasmus, Barnier qal li huwa jittama li l-istudenti Maltin ikunu jistgħu jkompli jmorru jistudjaw fir-Renju Unit u anki studenti Ingliżi jkunu jistgħu jiġu f’Malta.