“Enzo qiegħed jagħmel progress” – Carmen Gusman

“Enzo għadu fit-taqsima tal-kura intensiva iżda qiegħed jagħmel progress” ikkummentat ma’ newsbook.com.mt Carmen, il-mara ta’ Enzo Gusman.

Hu jinsab rikoverat fi sptar fil-Kanada wara li fil-ġranet li għaddew sofra minn waqgħa. Il-bieraħ il-kantant ferm maħbub mill-Maltin u Għawdxin iċċelebra għeluq it-73 sena tiegħu u għall-ewwel darba martu Carmen tħalliet tidħol tarah.

“Jien biss tħallejt nidħol minħabba li fl-isptar hemm restrizzjonijiet stretti minħabba fil-Covid-19,” qaltilna waqt li kkonfermat li in-nurse qaltilha li l-lejl ta’ qabel kien wieħed tajjeb u li Enzo jinsab b’moral tajjeb.

Għal għeluq sninu Enzo kellu kuntatt ma’ wliedu u n-neputijiet tiegħu permezz ta’ Facetime u b’hekk hu seta’ jarahom ikantawlu u jawgurawlu f’għeluq sninu.

“Il-qagħda tiegħu tibqa’ serja ħafna, però minn kritika, issa hija stabbli. Inkomplu bit-talb,” temmet tgħidilna Carmen.