“Enzo għadu magħna” – Carmen Gusman

“Enzo għadu magħna għall-grazzja t’Alla. Grazzi lil min ivvinta din l-istorja biex jiġbed l-attenzjoni. Dan il-persuna għandu jistħi minnu nnifsu. Uri ftit rispett jekk taf it-tifsira tal-kelma”. Hekk kitbet illejla Carmen Gusman, mart il-kantant Enzo wara li llejla fuq il-midja soċjali bdew jiġri xnigħat li l-kantant li ftit tal-jiem ilu għalaq 73 sena, kien għadu kif ħalliena.

Id-diżappunt għal mod kif inxterdet l-aħbar inħasset ukoll minn kliem bint il-kantant, Greta Gusman li kkonfermat li missierha għadu ħaj u fakkret li bħalissa l-familja tinsab għaddejja minn ħafna u m’għandhiex għalfejn tiffaċċja aħbarijiet foloz. Talbet ukoll biex tiġi rispettata l-privatezza tal-familja.

newsbook.com.mt jieħu l-okkażjoni biex juri solidarjetà mal-familja Gusman f’dan il-mument.