Entitajiet privati jistgħu joħolqu policies li jiffavorixxu persuni b’diżabilità – CRPD

Filwaqt li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ma tistax timponi lil entitajiet biex iħallu persuni jqabbżu l-kju, qalet li dawn l-entitajiet privati jistgħu joħolqu policies minn jeddhom li jiffavorixxu persuni b’diżabilità.

Il-Kummissjoni kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar l-użu korret tal-EU Disability Card u l-Blue Badge.

X’inhi d-differenza bejn l-EU Disability Card u l-Blue Badge?

Kelliema għall-Kummissjoni spjegat li l-EU Disability Card hija card maħluqa bi proġett pilota tal-Kummissjoni Ewropea fejn Malta hija parteċipi fost tmien pajjiżi oħra tal-UE. Kull pajjiż kellu jaħdem fuq portal għall-EU Disability Card tal-pajjiż fejn fiha joffri l-informazzjoni bil-pakkett li l-pajjiż qed joffri. L-għan wara l-card huwa li persuni b’diżabilità li jkunu qed jivvjaġġaw bejn il-pajjiżi li huma parteċipanti ta’ dan il-proġett ikunu jistgħu juru li għandhom status ċertifikat ta’ diżabilità fil-pajjiż minn fejn ġejjin oriġinarjament. Dawk li għandhom din il-card jistgħu jibbenefikaw minn skont f’negozji varji madwar Malta u l-pajjiżi parteċipi l-oħra Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Intant, il-kelliema spjegat ukoll l-użu tal-Blue Badge. Qalet li din għandha użu totalment differenti minn dak tal-EU Disability Card. Hi tintuża strettament għall-użu ta’ parkeġġ, f’kaxxi riservati għal min għandu l-card. Il-Blue Badge hija maħruġa b’direttiva tal-Unjoni Ewropea u l-użu tagħha huwa komuni għall-pajjjiżi kollha tal-UE anke l-format tal-card huwa simili ħafna għal ta’ xulxin. Il-kriterji tal-Blue Badge huma miftuħa u mhux neċessarjament trid tkun persuna li tagħmel użu minn siġġu tar-roti. L-għan tagħha huwa li tgħin persuna tgħix b’mod iżjed indipendenti u tnaqqas l-ostakli maħluqa mis-soċjetà. Il-Blue Badge toħroġ fuq l-individwu b’diżabilità u mhux fuq vettura u trid tintuża dejjem meta jkun hemm il-card holder. Malta għandha liġi ffukata fuq il ħruġ u l-użu tal Blue Badge.

L-ebda card ma tagħti permess awtomatiku biex tqabbeż kju

Persuni b’diżabilità jaf ikun diffiċli għalihom li jistennew fi kju twil għal tul ta’ ħin, madanakollu l-ebda minn dawn il-cards disponibbli għal persuni b’diżabilità ma jidher li tippermetti li dawn iqabbżu kju. Il-kelliema għall-Kummissjoni spjegat li dan “ma jfissirx li entitajiet pubbliċi m’għandhomx ikunu sensittivi f’dan ir-rigward.” Irrimarkat li l-entitajiet pubbliċi u l-ħaddiema tagħhom iridu jkunu preparati għal kull eventwalità u fejn persuna ma tistax tistenna bilwieqfa għandha tingħata post fejn tpoġġi. Qalet ukoll li fejn persuna li għandha problemi sensorjali, meta l-uffiċjali tinġibdilhom l-attenzjoni għandhom joffru akkomodazzjoni raġjonevoli għal dik il-persuna.

Insistiet li s-CRPD bħala regolatur mhux f’pożizzjoni li timplimenta xi card ġdida. Qalet li bħalissa qed isir xogħol biex kemm il-Blue Badge kif ukoll l-EU Disability Card ma jibqgħux jinħarġu mill-Kummissjoni biex b’hekk il Kummissjoni tkun tista’ tiffoka fuq il-ħidma prinċipali tagħha.