Entità ġdida għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li fiż-żmien li ġej se jibda proċess li se jwassal għall-ħolqien ta’ entità ġdida li se tkun responsabbli mir-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji.
Dan ħabbru f’konferenza annwali tal-Istitut tal-Operaturi tas-Servizzi Finanzjarji (IFSP) bit-tema ‘L-effiċjenza u l-Innovazzjoni, it-triq ‘il quddiem għall-Industrija tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta’
Waqt il-konferenza Silvio Schembri spjega li t-twaqqif tal-entità se jsaħħaħ lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) biex tkun tista’ tiffoka aħjar fuq l-irwol regolatorju.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll kariga ġdida fl-MFSA, dik ta’ Kap Eżekuttiv filwaqt li qal li dan qed isir biex tissaħħaħ l-istruttura interna tal-Awtorità b’mod li tirrifletti l-iżviluppi li seħħew matul iż-żmien.
Żied jgħid li b’hekk l-Awtorità tista’ tkun iżjed proattiva u tesplora niċeċ ekonomiċi ġodda f’dan is-settur.
Tkellem ukoll dwar il-bżonn li jsir assessjar kontinwu ta’ kif Malta tibqa’ dejjem kompetittiva fejn għandhom x’jaqsmu l-prezz u l-ħolqien tal-valur miżjud, u qal li dan jista’ jseħħ permezz tal-innovazzjoni.