Engerer jgħid li Efimova għandha tiġi estradita lejn Malta

Cyrus Engerer, li kien ir-rappreżentant tal-Prim Ministru fl-Unjoni Ewropea, kiteb li 36 Ewroparlamentari li kienu talbu lill-Awtoritajiet Griegi biex il-Whistleblower Maria Efimova ma tiġix estradita lejn Malta biex jirtiraw it-talba tagħhom minkejja li l-MEPs ma għandhom l-ebda awtorità fuq l-Qrati Griegi.

Wara li kienu ppubblikati l-konklużjonijiet prinċipali tar-rapport tal-inkjesta dwar il-kumpanja fil-Panama Egrant, Engerer, kiteb li l-MEPs u qallilhom li “fl-aħħar ħarġet il-verità kollha”.

Is-36 MEPs kienu kitbu lill-Awtoritajiet Griegi waqt li kien qed jinstema’ l-każ dwar jekk l-whistleblower Efimova fil-każ tal-Bank Pilatus għandhix tiġi estradita lura lejn Malta. Il-Qorti Griega kienet iddeċidiet li Efimova ma għandhix tiġi estradita liema sentenza kienet ikkonfermata wkoll fl-appell.

Fl-ijmejl li ra Newsbook.com.mt Engerer saħaq li ġie pruvat li dak li qalu Maria Efimova u l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia żvelaw kienu “kitba u fabrikazzjoni sħiħa”. Huwa żied fl-ijmejl traduzzjoni tal-konklużjonijiet prinċipali mhux uffiċċjali li fuqha hemm iddikjarat li f’każ ta’ inkonsistenzi bejn il-Malti u l-Ingliż, wieħed għandu jżomm mal-Malti.

Efimova fir-risposta tagħha fuq Twitter qalet li diversi nies viċin il-Gvern jriduha tinqatel u għaldaqstant Malta qed isir perikoluża għaliha. Ir-raġel ta’ Efimova fuq Twitter ukoll fakkar lil Engerer li l-Qorti Suprema tal-Greċja sabet li l-mandati tal-arrest fil-konfront ta’ Efimova ma kienux la ġustifikati u wisq inqas sostanzjati.

Engerer kien ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs wara li nqabad iqassam materjal pornografiku.

https://twitter.com/MariaEfimova7/status/1022781962463969280