Enemalta: Il-kumpanija tal-ħaddiema hi kollha tal-Gvern – kumpanija ġdida għaż-żejt

Engineering Resources Ltd, il-kumpanija ġdida li se tieħu l-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni Enemalta hekk kif tgħaddi l-liġi li qed tiġi diskussa fil-Parlament, hi kollha kemm hi tal-Gvern. Il-ħaddiema se jgħaddu f’din il-kumpanija u jżommu l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol li għandhom u s-seniority tagħhom.
’Il quddiem huma se jiġu ssekondati lill-istess Enemalta (li se ssir plc), lid-Diviżjoni taż-Żejt, f’Delimara jew taqsimiet oħra. Il-Gvern se jaħdem flimkien mal-unions li jirrappreżentawhom.
Id-Diviżjoni taż-Żejt mhix se tinbiegħ liċ-Ċiniżi imma l-Gvern se jwaqqaf kumpanija oħra – Petromal – bil-ħaddiema jibqgħu fi ħdan Engineering Resources Ltd u jiġu wkoll issekondati lil Petromal.
Il-Ministru tal-Enerġija qal dan fil-Parlament dalgħodu fl-għeluq tad-diskussjoni, fil-livell ta’ Tieni Qari, tal-abbozz ta’ liġi li jipprovdi “għat-trasferiment tal-assi, drittijiet, debiti u obbligazzjonijiet tal-Korporazzjoni Enemalta”.
Minkejja li ma spjegax il-kundizzjonijiet li ntlaħqu fil-ftehim mal-entitajiet Ċiniżi, il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern laħaq ftehim ta’ “djalogu miftuħ” ma’ Shangai Electric Power, li 66% tagħha hi tal-Gvern Ċiniż. Qal li din il-kumpanija, għall-Gvern Malti, hi sieħeb li lest li jinvesti fit-teknoloġija imma lest li jaċċetta li l-immaniġġjar u l-leadership jibqa’ Malti f’Malta. “Dawn iqisu l-investiment fl-Enemalta bħala investiment long-term” saħaq il-Ministru.
Qal li l-Gvern irid isaħħaħ il-liġijiet b’rabta mal-Awtorità Maltija tar-Riżorsi biex din tkun tista’ tikkontrolla lill-entitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija.