Enel magħżula biex timporta l-elettriku bl-interconnector

L-Enemalta u l-kumpanija multi-nazzjonali Enel Trade iffirmaw ftehim ta’ ħames snin għall-użu tal-interconnector ma’ Sqallija biex jiġi impurtat l-elettriku.
Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Enemalta se tkun tista’ tkompli għaddejja bit-testijiet tal-cables u l-apparat tal-interconnector li hemm il-Magħtab u Ragusa, qabel ma’ jiġi imqabbad mas-sistema aktar tard din is-sena.
Jirriżulta li l-Enemalta se tkun tista’ tinnegozja f’għadd ta’ oqsma tal-enerġija differenti fosthom is-suq tal-istess ġurnata għall-ħtiġijiet immedjati u s-suq ta’ ġurnata bil-quddiem għal meta jkun hemm bidliet fid-domanda fi żmien qasir.
Fi stqarrija ntqal li l-proċess tal-għażla beda f’Mejju tas-sena li għaddiet, bil-kumpaniji li tefgħu l-aħjar proposti kienu mitluba jagħtu offerta finanzjarja bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-Enemalta.
Enel Trade hija l-fergħa ta’ Enel responsabbli min-negozju tal-elettriku u l-gass filwaqt li hija wkoll l-aktar kumpanija Ewropea li għandha klijenti madwar id-dinja, b’total ta’ 61 miljun persuna.

Ritratt: Albert de Marco