Enċiklopedija antika Ċiniża tinbiegħ 1,000 darba aktar milli stmata

Żewġ volumi ta’ enċiklopedija Ċiniża din il-ġimgħa nbiegħu għal aktar minn €8 miljun, 1,000 darba aktar milli kienu stmati li se jġibu. L-enċiklopedija, magħrufa bħala Yongle Dadian, kienet saret għall-Imperatur Yongle li rrenja fiċ-Ċina bejn l-1402 u l-1424.

Il-kumpanija tal-irkant Beaussant Lefevre bbażata f’Pariġi qalet li din l-enċiklopedija ħadmu fuqha aktar minn 2,000 studjuż matul erba’ snin sħaħ, bejn l-1404 u l-1408. L-enċiklopedija kienet l-akbar waħda fid-dinja u oriġinarjament kienet maqsuma fi 22,977 kapitlu.

Fl-1562 l-Imperatur Jiajing kien ordna żewġ kopji tal-enċiklopedija iżda l-kopja oriġinali ntilfet kaġun tal-gwerer, serq u nirien li seħħew sal-1644.

Minkejja li ż-żewġ volumi li nbiegħu din il-ġimgħa huma kopji, dawn huma tassew rari fejn 400 biss minnhom, jew 4% tal-enċiklopedija oriġinali, għadhom jeżistu.