Enċiklika ġdida lejlet il-festa ta’ San Franġisk

Read in English.

Il-Papa Franġisku se jiffirma enċiklika ġdida f’ċelebrazzjoni li se ssir lejlet il-festa ta’ San Franġisk f’għeluq is-794 sena mill-mewt tiegħu.

Iċ-ċerimonja se ssir bil-bibien magħluqin fil-Bażilika ta’ San Franġisk f’Assisi b’rispett lejn id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, id-Direttur tal-Uffiċċju tas-Santa Sede Matteo Bruni qal li l-enċiklika se tissejjaħ ‘Ilkoll aħwa’, bit-Taljan ‘Fratelli Tutti’ u se tiffokja fuq il-fratellanza u l-ħbiberija soċjali.

Fil-lejl meta leħaq Papa fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Papa Franġisku indirizza lill-miġemgħa miġbura quddiemu bil-kelma ‘aħwa’. It-tema tal-fratellanza kienet ukoll preżenti fiż-żjajjar tiegħu f’Lampedusa fejn għannaq lill-immigranti li sab quddiemu.

Fi stqarrija oħra, l-Isqof t’Assisi, Domenico Sorrentimo, qal li qed jilqa’ s-sejħa tal-Papa b’emozzjoni u gratitudni.