Minoritajiet reliġjużi fl-Ewropa jiffaċċjaw ostilità u fastidju

Għall-membri tal-minoritajiet reliġjużi fl-Ewropa iż-żmien qed isir aktar diffiċli hekk is-sentimenti nazzjonalistiċi, il-biża’ dwar is-sigurtà u l-movimenti kontra l-emigrazzjoni qed jikbru u jissaħħu. L-aktar milquta huma l-Musulmani u l-Lhud.

Stħarriġ dwar il-Libertà Reliġjuża madwar id-dinja, pubblikat il-ġimgħa li għaddiet minn Ċentru ta’ Riċerka bażat f’Washington juri żjieda qawwija f’ostilitajiet soċjali lejn ir-reliġjon.

F’madwar terz tal-pajjiżi Ewropej hemm partiti politiċi li bil-miftuħ ixewwxu kontra l-minoritajiet reliġjużi u l-gruppi ta’ attivisti li jippersegwitaw u jagħtu fastidju lill-minoritajiet reliġjużi, s-sena li għaddiet kiber ferm aktar fuq is-sena ta’ qabel.

Il-maġġoranza ta’ dawn il-gruppi soċjali li juru u jorganizzaw attivitajiet kontra l-emigranti u kontra gruppi minoritarji – 25 minn 32 – jinsabu f’pajjiżi Ewropej. Fil-mira kienu l-aktar il-Musulmani u l-Lhud imma gruppi oħra, fosthom kattoliċi, ukoll qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni f’numru ta’ pajjiżi.

Il-mewġa ta’ emigrazzjoni li għaddejja bħalissa u li rat l-eqqel tagħha fl-2015 b’aktar minn miljun persuna – l-aktar Musulmani – li waslu fl-Ewropa li rat il-Gvernijiet Ewropej iwaqqfu d-dħul ta’ dawn in-nies fil-pajjiżi tagħhom, wasslet ukoll biex għal ħafna Ewropej il-kelma “emigrant” saret sinonima ma’ “Musulman”.