L-Amerika tniedi programm biex tgħin lill-minoritajiet fl-Iraq

Il-Viċi President Amerikan, Mike Pence

Il-Viċi President Amerikan Mike Pence ħabbar li l-Istati Uniti waqqfet dak li qed jissejjaħ Genocide Recovery and Persecution Response Programme biex kemm jista’ jkun malajr tgħin lil dawk il-komunitajiet li qed ikunu persegwitati, ibda mill-Iraq.

Meta kien qed ikellem il-Kumitat tad-Dipartiment tal-Istat dwar il-Libertà Reliġjuża, Pence qal li jittama li dan il-programm mhux biss jagħti aktar appoġġ lill-aktar komunitajiet vulnerabbli imma wkoll isaħħaħ il-volontà tas-soċjetà ċivili biex tgħin ħalli fil-futur tieqaf il-vjolenza.

Il-minoritajiet Kristjani u Yazidi fit-tramuntana tal-Iraq, tfarrku mill-ISIS fl-2014. Għalkemm issa dawn il-komunitajiet qed jaħdmu biex jinbnew mill-ġdid, l-atroċitajiet tal-massa u t-tindif etniku li ġarrbu, mhux faċli jintesew.

Din l-inizjattiva ġdida se jkollha fondi mill-Gvern Amerikan u mill-ħafna għaqdiet filantropiċi u individwi oħra.  Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan u l-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali se jaħdmu flimkien mal-mexxejja tar-reliġjonijiet  u komunitajiet biex jassiguraw li l-għajnuna tasal direttament għand individwi u familji l-aktar li għandhom bżonn.

“L-Amerika se tgħin lill-vittmi tal-ISIS jieħdu mill-ġdid arthom, jibnu ħajjithom u jerġgħu jagħmlu l-għeruq f’pajjiżhom biex ir-reliġjon tiffjorixxi mill-ġdid fil-Lvant Nofsani,” qal il-Viċi President Amerikan.