It-Traffikar Uman f’pajjiżi żviluppati aktar komuni milli naħsbu

Wieħed minn kull 800 Amerikan hu vittma ta’ traffikar uman, skont rapport li għadu kif kien pubblikat li sab li r-rati ta’ skjavitu moderna fil-pajjiżi żviluppati huma ferm akbar minn dak li kien maħsub.

“Il-pressjoni biex ikun miġġieled dan id-delitt uman issa trid timxi minn fuq il-pajjiżi foqra għal fuq dawk sinjuri li għandhom ir-riżorsi u l-istituzzjonijiet biex jiġġieldu din il-pjaga”, intqal fir-rapport li kien pubblikat fid-19 ta’ dan ix-xahar.

Hu fatt magħruf li ħafna minn dawn il-każi ma jkunux rappurtati u allura anqas rekordjati għax il-vittmi tagħhom huma persuni vulnerabbli u emarġinati. Iżda dan ir-rapport juri, b’esperjenzi ta’ uħud mill-40.3 miljun vittma ta’ skjavitù moderna li dawn id-delitti qed ikomplu jitwettqu fejn ma jarahom ħadd u b’rittmu traġiku.

Is-soċjetà u l-komunità internazzjonali ma jistgħux jibqgħu ma’ jagħmlu xejn waqt li miljun ta’ nisa, rġiel u tfal madwar id-dinja qed ikollhom ħajjithom imkissra u l-potenzjal tagħhom imwaqqaf minn kriminali li jftixxu li jagħmlu profitt malajr minn fuqhom.

L-istudju jiddefinixxi l-iskjavitù moderna bħala “kull sitwazzjoni ta’ esplojtazzjoni li individwu ma jkunx jista’ joħroġ minnha minħabba theddid, vjolenza, abbuż ta’ poter jew qerq.  Dan jinkludi wkoll l-esplojtazzjoni sesswali, xogħol furzat u xogħol tat-tfal. Jinkludi wkoll żwiġijiet furzati.  71 fil-mija tal-persuni maqbuda fl-iskjavitù moderna, huma nisa.

Sa mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu l-Papa Franġisku poġġa l-pjaga tat-traffikar uman fuq l-aġenda tal-Knisja Kattolika.