Isqfijiet ifaħħru l-President li ħeles 800 priġunier politiku

Il-President tal-Kosta tal-Avorju, Alassane Ouattara

L-Isqfijiet tal-Kosta tal-Avorju, pajjiż fil-Punent tal-Afrika ferħu bid-deċiżjoni tal-President tal-pajjiż, Alassane Ouattara li ħeles 800 priġunier politiku mill-ħabsijiet tal-pajjiż.

Fost dawk meħlusa kien hemm Simone Gbagbo il-mara tal-ex mexxej tal-pajjiż li kien irrifjuta li jħalli l-poter wara l-elezzjonijiet tal-2010 u dan wassal għal gwerra ċivili li ħalliet aktar minn 3,000 persuna mejta.  Laurent Gbagbo bħalissa jinsab il-ħabs jistenna li jkun proċessat dwar delitti kontra l-umanità.

Il-mara kienet kundannata għal 20 sena ħabs għax instabet ħatja li f’dawk l-inċidenti kienet poġġiet fil-periklu s-sigurtà tal-pajjiż.

Father Donald Zagore, qal li l-ħelsien ta’ mart l-ex President ifisser li “sar pass kbir lejn rikonċiljazzjoni vera u dejjiema, anke jekk it-triq hi twila. In-nies kollha huma għatxana għall-paċi fil-pajjiż.”

“Fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li beda mit-tmexxija preżenti, il-ġustizzja hi l-prinċipju fundamentali li fuqu trid tinbena r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Sfortunatament il-ġudikatura tal-pajjiż qed tipprattika l-ġustizzja tar-rebbieħ u ma baqgħetx strument ta’ paċi u rikonċiljazzjoni imma strument ta’ inġustizzja u diviżjoni,” qal Fr. Zagore.

“F’din il-klima ma jistax ikun hemm paċi.  L-unika triq kienet dik tal-amnestija fejn inħelsu priġunieri politiċi li riedu djalogu serju għal rikonċiljazzjoni vera. L-appell biex jinħelsu l-priġunieri politiċi kien wieħed unanimu. Il-President ta din l-amnestija biex juri li l-Gvern tiegħu – li sentejn oħra jrid jiffaċċja elezzjoni presidenzjali – hu miftuħ għad-djalogu wara kritika li kellu mill-Unjoni Ewropea li hu anti-demokratiku.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-Isqfijiet Kattoliċi laqgħu dan il-ġest u sejjħulu pass importanti biex fil-Kosta tal-Avorju tinbena kultura ta’ paċi.

Antoine Koné li hu l-President tal-Kummissjoni għat-Tagħlim Soċjali tal-Konferenza Episkopali qal li din l-amnestija “tikkontribwixxi ħafna għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni li hemm bżonn biex ikun hemm stabilità, żvilupp u għall-ġid tal-popolazzjoni.”

Hu faħħar lill-President tal-pajjiż u nkoraġġih biex jaġixxi bħala Kap tal-Familja  Ivorjana u jkompli jieħu azzjonijiet li jiffavorixxi b’mod konkret l-għaqda fil-pajjiż.

“La nersqu mal-mejda tad-diskussjoni, għandna ċans nagħmlu progress u nilqgħu l-isfida tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni,” qal l-Isqof Ignace Bessi Dogbo, il-President tal-Konferenza Episkopali. Hu sejjaħ lill-mexxejja politiċi biex jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni flok għall-interessi politċi tagħhom għax “huma biss qlub rikonċiljati li jistgħu jwasslu għal politika li taqdi l-poplu  u tassigura żvilupp armonjuż għal kulħadd.”