Is-Salib tal-Paċi ta’ San Ġwanni Pawlu II mogħti lill-Missjoni tal-Vatikan fin-NU

Is-Salib tal-Paċi li ngħata lill-Missjoni Permanenti tal-Vatikan għan-NU

Sir Gary Krupp, Fundatur u President tal-Pave the Way Foundation, li hu wkoll fost numru żgħir ta’ Lhud li l-Papa kien onorah billi għamlu Kavallier tal-Ordni ta’ San Girgor il-Kbir, irregala lill-Missjoni Permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti, Salib tal-Paċi.

Is-Salib li hu magħruf bħala is-“Saint John Paul Peace Cross” kien qed jingħata bix-xewqa li jispira f’kull min iħares lejh il-legat ta’ rispett għad-dinjità umana li kellu l-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Il-Fondazzjoni “Pave the Way” hi kunsidrata l-aktar organiżazzjoni importanti fid-dinja, għax-xogħol effettiv minn wara l-kwinti bejn reliġjonijiet differenti. Il-missjoni tagħha hi li tidentifika u tegħleb ostakli bejn ir-reliġjonijiet u dan tagħmlu billi taħdem biex tibni fiduċja bejn it-twemmin divers permezz ta’ ġidma kulturali, edukattiviau teknoloġika.

Gary u Meredith Krupp, it-tnejn Lhud li huma l-fundaturi tal-Fondazzjoni saru Kavallieri fl-Ordni ta’ San Girgor il-Kbir, mill-Papa Franġisku u Saru Kavallier u Dama tas-Salib li hu l-ogħla unur li l-Vatikan jista’ jagħti lil persuni lajċi.

Is-Salib tal-Paċi li jiżen 300 libbra u għoli tliet piedi hu xogħol tal-iskulturi Mitchell Meisner u Colby Grace u dam sentejn biex tlesta għall-okkażżjoni tal-Kanoniżazzjoni ta’ San Ġwanni Pawlu II.  Issa tpoġġa fl-uffiċċju tal-Arċisqof Bernardito Auza, rappreżentant permanenti tal-Vatika għan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan l-uffiċċju r-rappreżentant tal-Papa jiltqa’ l-mistiedna tiegħu fosthom ambaxxaturi, mexxejja ta’ pajjiżi, uffiċjali għolja tan-NU, mexxejja reliġjużi u rappreżentanti minn diversi organiżazzjonijiet.

Il-Fondazzjoni riedet tfakkar lil San Gwanni Pawlu II permezz ta’ dan is-Salib għall-ħidma li wettaq għall-paċi fost in-nazzjonijiet u bi gratitudni għall-ħidma tiegħu biex ikun hemm relazzjonijiet paċifiċi bejn il-Lhud u l-Insara.

Qabel ma bierek is-Salib, l-Arċisqof Auza qal li għażel li jpoġġih fl-uffiċċju tiegħu u mhux f’xi post ieħor fl-ambaxxata biex il-viżitaturi kollha jistagħġbu bis-sbuħija tiegħu u jkunu ispirati li jaħdmu favur “futur mimli mhux bid-dlam u l-biża’ imma bid-dawl jiddi simboliżżat mill-ħamiema li hemm mas-Salib.

Huwa qal li għalih is-simboliżmu ta’ ħamiema ma’ Salib għandu sinjifikat kbir. Il-ħamiema hi simbolu ta’ paċi dejjiema sa minn meta Noah kien bagħat il-ħamiema mill-Arka u din irritornat b’fergħa taż-żebbuġ biex tindika li waqaf id-dulluvju. Dan is-simboliżmu sar aktar importanti għall-insara meta waqt il-Magħmudija ta’ Kristu fil-Ġordan l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Ġesù f’forma ta’ ħamiema.

“Dan hu sinjal ta’ tama għalina li wara tant vjolenza fid-dinja, tant tixrid ta’ demm, Alla se jingħatilna ħamiema b’werqa ta’ żebbuġ f’ħalqha li ġġibilna l-paċi u kif inkantaw fis-salm, dak l-ispirtu iġedded wiċċ id-dinja”.

L-Arċisqof Auza nnota li matul it-tieni żjara tal-Papa Gwanni Pawlu II lin-Nazzjonijiet Uniti fl-1995, meta kien inawgura l-ambaxxata tas-Santa Sede fejn illum tpoġġa dan is-Salib, kien qal li d-dover ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti kien li jgħin lill-pajjiżi jgħixu “fi spirtu ta’ paċi ma’ xulxin”.

“Nittama li dan is-Salib jixprunana biex niftħu t-tirq taċ-ċiviltà tal-imħabba mibnija fuq il-paċi, il-ġustizzja, il-libertà u s-solidarjetà li tant ħadem għalihom f’ħajtu l-Papa Ġwanni Pawlu II”, qal l-Arċisqof Auza.