Il-Papa jitlob għall-vittmi fl-Eġittu u jgħin lill-milquta mit-tsunami fl-Indonesia

Dak li fadal mill-karrozza bit-turisti li ntlaqtet minn bomba qrib il-piramidi fl-Eġittu
F’telegramm indirizzat lill-President Eġizzjan il-Papa Franġisku assigurah li qed jitlob għal dawk kollha li ntlaqtu mill-bomba li tpoġġiet fi triq u qatlet erba’ persuni fil-belt ta’ Giza u qal li ħa din l-aħbar b’dispjaċir kbir.

Il-Papa kkundanna dan l-attakk fuq kowċ tat-turisti u ddeplora dak li sejjaħ “att brutali u bla sens”. Hu wiegħed talb għall-vittmi u l-familji tagħhom, għal dawk feruti u għall-ħaddiema tas-servizz ta’ emerġenza li kienu u għadhom qed jassistuhom.

Huwa nkoraġixxa lill-Eġizzjani biex “jirbħu l-vjolenza permezz tas-solidarjetà  u paċi” filwaqt li talab għall-Barka tas-Sema fuq l-Eġittu u l-poplu tiegħu.

Il-bomba li tpoġġiet wara ċint fit-triq laqtet kowċ tat-turisti nhar il-Ġimgħa li għadda waqt li dawn kienu ħdejn il-Piramidi f’Giza. Bl-isplużjoni mietu tliet turisti Vjetnamiżi u l-gwida tagħhom. 11-il turist ieħor u s-sewwieq Eġizzjan tal-kowċ, sfaw feruti, uħud minnhom serjament, f’dan l-inċident.

Sadattant l-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku bagħat l-ewwel kontribuzzjoni għall-operazzjonijiet ta’ salvataġġ għall-persuni milquta mit-tsunami li għamel ħsara kbira fl-Indonesia l-ġimgħa li għaddiet.

It-tsunami wassal biex waqgħet parti mill-gżira-vulkan, Anak Krakatau u qatel 426 persuna meta mewġ għoli aktar minn ħames metri ħabat fuq iż-żoni kostali ta’ Sunda Strait, bejn il-gżejjer ta’ Java u Sumatra fit-22 ta’ Diċembru. Skont ċifri uffiċjali hemm 23 persuna oħra neqsin, 1,500 feruti u aktar minn 40,000 jinsabu bla dar.

L-għotja se ssir permezz tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman u hi parti minn għajnuna li qed tinġabar minn organiżazzjoni karitatevoli oħra tal-Knisja Kattolika.

L-awtoritajiet Indonesjani wissew lin-nies biex iżommu kilometru ‘l bogħod mill-kosta minħabba l-potenzjal li jkun hemm tsunami ieħor.