Il-Papa jiċċelebra t-82 sena mal-pażjenti tfal tal-Klinika Santa Marta

Il-Papa jerfa' tifla li qed tieħu l-kura fil-Klinika Santa Marta tal-Vatikan

Il-Papa Franġisku l-bieraħ għalaq 82 sena.  Biex jiċċelebra din l-okkażżjoni, nhar il-Ħadd filgħodu huwa laqa’ lit-tfal pazjenti fil-Klinika Santa Marta tal-Vatikan flimkien mal-ġenituri, tobba u nfermieri li jieħdu ħsiebhom.

Il-Papa qal lill-udjenza tiegħu li kien qed jieħu pjaċir jiltaqa’ magħhom. F’dan iż-żmien tal-Milied kont qed naħseb jekk il-Bambin kinitx qabditu l-influenza jew kellux xi riħ. U kieku x’kienet tagħmel ommu?  Ma nafx jekk f’Nazareth jew fl-Eġittu kienx hemm xi klinika imma jien ċert li kieku l-Madonna kienet qed tgħix f’Ruma, żgur li kienet iġġibu fil-klinika tagħna hawn f’Santa Marta.

“Nixtieq nirringrazzjakom ilkoll, lilkom li tmexxu din l-istruttura – tobba, infermiera, kollaboraturi, anke għax intom kollaboraturi ta’ dawn it-tfal, ta’ missirijiethom u ommijiethom. Dan hu korp u fih hemm il-ħajja li tidher f’dawn it-tfal li huma tant spontanji”, qal il-Papa.

Huwa qal li mhux faċli taħdem mat-tfal; imma dan jgħallimna ħafna. “Lili jgħallimni li biex nifhem ir-realta tal-ħajja, wieħed irid jitbaxxa kif nitbaxxew biex inbusu tarbija jew tifel u tifla. Dawn jgħallmuna. Min hu kburi u arroganti ma jistax jifhem il-ħajja għax mhux kapaċi jbaxxi lilu nnifsu.

“Aħna lkoll – il-professjonisti, l-organizzaturi, s-sorijiet, ilkoll kemm aħna ngħidu ħafna affarijiet lit-tfal, imma huma jgħallmuna biex inbaxxu lilna nfusna, biex inkunu umli u b’hekk nitgħallmu nifhmu l-ħajja u nifhmu lin-nies. U intom ilkoll għandkom din il-ħila li tbaxxu lilkom infuskom. Grazzi ħafna ta’ dan!”

Tħejjiet torta kbira biex il-Papa Franġisku jaqsamha fl-okkażżjoni ta’ għeluq snin. Għalhekk, wara li xtaq lil dawk kollha preżenti Milied Qaddis u rringrazzjahom mill-qalb tal-festin li għamlulu, bi tbissima qalilhom “Nittama li din it-torta kbira ma tagħmlilkomx indiġestjoni!”