Fil-Venezuela tkompli l- mixja lejn stat totalitarju

Refuġjati Venezuelani jitilqu lejn il-fruntieramail-Colombia

Miżuri ekonomiċi ġodda li kienu ntrodtti mill-Gvern tal-Venezuela se jkompli jkabbru l-kriżi ekonomika fil-pajjiż. Fost il-miżuri mħabbra mill-Gvern hemm aktar devalwazzjoni tal-munita nazzjonali u żjieda qawwija fil-paga minima. Dawn mistennija joħolqu diżastru ekonomiku.

Osservaturi fil-Knisja Kattolika u oħrajn indipendenti isostni li dawn il-miżuri huma maħsuba l-ewwel u qabel kollox biex ikissru s-settur privat u jagħmlu l-poplu kollu dipendenti fuq il-Gvern.

Żgur li dawn il-miżuri se jwasslu għal żjieda qawwija fl-inflazzjoni u dan iġib aktar faqar u ġuħ għaċ-ċittadini ordinarji. Iż-żjieda ta’ 60 darba fil-paga minima nazzjonali, tant hi goffa li se twassal biex ħafna kumpanniji u negozji żgħar ikollhom jagħlqu jew inaqqsu ħafna ħaddiema.

Carlos Larrazábal, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Venezuela qal li “għaddejjin mill-aktar kriżi ekonomika serja li qatt kien hawn fil-pajjiż, biż-żjieda qawwija fl-inflazzjoni, tnaqqis fil-produzzjoni, qgħad, tifrik tas-settur taż-żejt u t-tkissir tas-settur produttiv. Dan kollu qed isir biex jimponu mudell ekonomiku soċjalista tas-seklu 21.”

L-Arċisqof José Luis Azuaje ta’ Maracaibo, President tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela qal: “Il-kunċett ta’ ripressjoni ma jfissirx biss is-swat lin-nies; ifisser ukoll li ċċaħħad lin-nies minn dak li għandhom bżonn – ikel, elettriku u servizz pubbliċi meħtieġa għad-dinjità umana bażika… hemm elementi li ħalfu li jħarbtu l-ħajja paċifika tal-poplu u qed jagħmluha mpossibbli li n-nies jaħdmu u jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum bir-riżultat li n-nies qed iħossu li d-dinjità umana tagħhom qed tkun attakkat bil-goff.”

L-Isqof Emeritus Ramón Ovidio Pérez Morales ta’ Los Teques, President tal-Kunsill Nazzjonali Plenarju tal-Isqfijiet qal: Dawn il-miżuri huma mmirati biex iwettqu l-proġett soċjalista u jimponu l-mudell komunista a kwalnkwe kost, anke jekk ibati l-poplu. Dan qed ikisser kull intrapriża privata u se jikkontrolla anke l-aktar ħtiġijiet bażiċi tal-poplu. It-tbatija tal-poplu ma hi xejn quddiem dan il-fanatiżmu ideoloġiku flimkien mal-inkompetenza, l-korruzzjoni u l-biża’ li jintilef il-poter. Dan hu proġett li se jwassal għal kontroll totalitarju. It-tlue ta’ miljuni ta’ Venezuelani mill-pajjiż għandu jkun ta’ tħassib għal kull Gvern, iżda mhux għall-Gvern tagħna – l-esodu tan-nies hu parti mill-proġett. Anqas nies ifisser inqas oppożizzjoni.”

Father Saúl Ron Braasch tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien mal-Caritas qed jippruvaw inaqqsu l-effetti ta’ din il-kriżi umanitarja gravi. Hu qal: “Il-Knisja kienet effettiva ħafna fl-għajnuna lill-poplu għax ma ratx biss il-livell tan-nuqqas ta’ ikel imma għenithom materjalment bl-għajnuna li tirċievi minn barra l-pajjiż. Iżda l-Knisja ma tistax tieħu post l-Istat li għandu jkun hu li jgħin lin-nies. Il-Knisja hi sussidjarja għall-Istat. Il-verita’ hi li l-Knisja nfisha mhux qed tingħta l-għajnuna li suppost tingħata!”