The power of WE

    Il-Partit Popolari Ewropew (PPE) għadu kemm nieda l-manifest elettorali tiegħu f’attività fi Brussell. Ma kienx hemm referenza favur l-abort iżda kien hemm minflok viżjoni fejn irridu nieħdu l-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin. Irridu nsaħħu l-livell ta’ għixien għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, irridu insaħħu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, innaqsu l-burokrazija biex l-intraprizi ż-żagħar ikunu jistgħu jirnexxu, insaħħu l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata‍ u nassiguraw li s-saltna tad-dritt tkun imħarsa. Fuq kollox irridu Ewropa b’saħħitha, smart (intelligenti) u twajba, Ewropa li jimpurtaha mis-soċjeta u mill-problemi u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Irridu Ewropa aktar sigura, aktar ambizzjuza f’oqsma varji inkluż dak tas-saħħa u fil-ġlieda kontra l-kanċer. Irridu Ewropa aktar viċin in-nies u li tifhem u jimpurtaha min-nies ħalli ħadd ma jibqa’ lura.

    Dan il-manifest kien mibni fuq l-ideat tan-nies. Ħa nkomplu f’din il-mixja elettorali nisimaw lin-nies. Fil-fatt fix-xhur li ġejjin Manfred Weber, il-kandidat tal-PPE għall-President tal-Kummissjoni Ewropea ħa jkun f’pajjiżna biex anke jiltaqa mal-Maltin. Il-PPE ħa jibni kampanja b’messaġġ the Power of WE, messaġġ ta’ għaqda.

    Irrid ngħid li laqatni il-messaġġ għaliex tassew nemmen fih. Il-ħidma politika tiegħi dejjem kienet ibbażata fuq il-kolletiv, fuq il-lealtà lejn pajjiżi u lejn il-Partit li jien naħdem fih – il-PN. Nemmen f’dan il-messaġġ ghaliex għalija t-team work huwa importanti u nemmen li flimkien nistgħu niksbu riżultati aħjar. Dan hu dak ukoll li qed jgħid il-PN, flimkien għal pajjiżna. Pajjiżna għandu bżonn li naffacċaw l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju bħala Partit magħqud biex niksbu riżultati fuq oqsma varji, nissalvagwardjaw r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u niddefendu liċ-ċittadini Maltin. Jien se naħdem spalla ma spalla ma Manfred Weber favur dan.