Attakk ieħor fuq kamp ta’ refuġjati mmexxi mill-Knisja fl-Afrika Ċentrali

Il=-Kardinal Nzapalaianga iżur il-post tal-ewwel massakru

F’nofs il-ġimgħa li għaddiet kamp ta’ persuni li kellhom jaħarbu minn djarhom, li jitmexxa mill-Knisja fid-distrett ta’ Ippy fir-Republika tal-Afrika Ċentrali kien attakkat minn grupp ta’ persuni armati mmexxija minn Ali Darassa.  Tfal, nisa u rġiel li kienu miġbura għall-kenn tal-Knisja ta’ San Franġisk kellhom jaħarbu lejn il-foresta biex jistkennu mill-isparar ta’ dawk li qed isejħu lilhom infushom “Grupp għall-Paċi fl-Afrika Ċentrali”.

Dan kien l-istess grupp ta’ ġellieda li fil-15 ta’ Novembru, tliet ġimgħat qabel, attakkaw kamp ieħor ta’ persuni li kellhom jitilqu djarhom u fittxew kenn qrib il-Katidral ta’ Alindao u qatlu almenu 60 persuna oħra.

Għad mhux magħruf x’kien ir-riżultat tal-aħħar attakk iżda rapporti li waslu lill-aġenzija kattolika tal-aħbarijet FIDES li tliet persuni, fosthom żewġt itfal kienu feruti gravi u fil-periklu tal-mewt.

Sadattant din il-ġimgħa il-Kardinal Dieudonne Nzapalaigna, Arċisqof ta’ Bangui, żar Alindao, fejn seħħ l-ewwel attakk u qal li barra s-60 persuna li nqatlu, min jaf kemm hemm persuni oħra li nqatlu u ħadd ma jaf x’sar minnhom. Fost dawk maqtula kien hemm ukoll żewġ saċerdoti.

F’intervista mal-ġurnal ‘Le Monde’ il-Kardinal qal li dawk li ħarbu minn Alindao minħabba l-attakk għax il-kamp fejn kienu qed jgħixu tfarrak, marru jfittxu kenn f’Ndakoto, raħal żgħr ħafna fejn hemm biss 15-il dar. Sfortunatament in-nies ma setgħux jilqgħu s-26,000 persuna li ħarbu u wara ftit jiem dawn bdew imutu bil-ġuħ. Fit-23 ta’ Novembru, il-World Food Programme bagħatu erba’  trakkijiet ikel li nħatfu min-nies imġewwħa.

Għalkemm fil-pajjiż hemm truppi għaż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn ma għamlu xejn biex iwaqqfu lill-aggressuri mill-attakki mdemmija tagħhom.  Il-President tal-Kumitat tal-Paċi f’Ippy qal li l-poplu tħalla jfendi għal rasu.

Fil-fehma tal-Kardinal dawn l-attakki huma l-bidu ta’ ġlieda biex il-grupp ikun f’pożizzjoni b’saħħitha fit-taħdietiet li qed isiru. Dawk li jkollhom l-aktar nies magħhom jieħdu kontroll ta’ numru akbar ta’ żoni u allura jkunu jistgħu jinsistu li jkollhom aktar ministri, aktar flus u affarijiet oħra. Alindao issa hi taħt il-kontroll assolut tal-Grupp għall-Paċi fl-Afrika Ċentrali. L-attakk tagħhom kien ippjanat u organizzat.

Hu kkonferma l-fehma tal-Isqof Juan Jose Aguirre ta’ Bongassaou li mal-grupp li wettaq il-massakru hemm merċenarji barranin li ma jitkellmux bil-lingwa tal-lokal li jfisser li huma merċenarji li waslu fil-pajjiż biex jisirqu d-deheb u d-djamanti. Il-Kardinal Nzapalainga sostna li “madankollu anke jekk hemm min qed jiġbed l-ispag dejjem irridu nkunu aħna, il-poplu tal-Afrika Ċentrali li rridu nsibu s-soluzzjoni. U darba li s-soluzzjonijiet ikunu aċċettati, dak li niddeċiedu jrid iseħħ”.