Emozzjoni kbira meta ltqajt mal-familja Caruana Galizia – il-Kummissarju Jourová

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li l-laqgħa tagħha mal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet waħda mill-aktar mumenti emozzjonanti f’ħajjitha. Hija qalet dan f’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt fi Brussell.

Il-Kummissarju Jourová tkellmet dwar iż-żjara tagħha f’Malta f’Ġunju li għadda fejn hija kienet poġġiet ukoll bukkett fjuri fuq il-qabar ta’ Caruana Galizia.

Fissret li f’dan il-mument, iktar ma ħassitha emozzjonata, iktar xtaqet li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tagħha jimxu tajjeb għaliex qalet li filwaqt li hemm tliet persuni arrestati, “kien ovju li probabilment huma kienu dawk li esegwixxew il-qtil u mhux dawk li ordnaw jew li ħallsu” għal dan il-qtil.

Stqarret li l-awtoritajiet Maltin tawha l-assigurazzjoni li se jkunu qed jagħmlu dak kollu possibbli biex isibu lil dawk li ordnaw dan il-qtil. Temmet tgħid li sena wara din it-traġendja, “għadna ma nafux min kien wara dan il-qtil”, fl-istess waqt li qalet li “għadni nispera li se jirnexxilhom jaqbduhom”.

Offrejt l-għajnuna lill-investigaturi

Jourová qalet li fil-laqgħat li kellha mal-Gvern Malti f’Ġunju li għadda hija offriet l-għajnuna u r-riżorsi li għandhom iż-żewġ aġenziji tal-Ewropa, Europol u Eurojust. Fissret kif din suppost tkun “għażla prattika” minħabba r-riżorsi li huma disposti għall-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Spjegat li fil-każ ta’ Eurojust hija mgħammra tajjeb ħafna biex tinvestiga reati kriminali transkonfinali li jmorru lil hinn minn Malta f’każ li jirriżulta li l-qtil ġie ordnat minn persuni barra minn Malta.

Saħqet li kif għenu pajjiżi oħra fil-passat, dawn l-aġenziji huma kapaċi li joħolqu timijiet ta’ investigazzjoni ta’ kwalità għolja biex jaqbdu lill-mandant.

L-intervista sħiħa għada

F’intervista ta’ 20 minuta, Jourová titkellem dwar l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment permezz tal-bejgħ tal-passaport Malti li huwa wkoll Ewropew u x’se tkun qed tagħmel il-Kumissjoni Ewropew biex tibdel il-mod ta’ kif persuni qed jitħallew jixtru dan il-passaport.

L-intervista esklussiva se tiġi ppubblikata għada fuq Newsbook.com.mt u transcript tal-filmat fil-verżjoni bl-Ingliż.