Emma Muscat irrekordjat dwett ma’ Fede?

Ritratt: Instagram

Din hija l-mistoqsija ta’ bosta segwaċi ta’ Emma Muscat u Federico Rossi, magħruf bħala Fede.

Imma minn fejn bdiet ix-xniegħa?

Kien l-istess Federico “Fede” Rossi li bdieha fuq il-meżż soċjali Instagram hekk kif dan l-aħħar tefa’ ritratt tiegħu mal-kantanta Maltija u b’inkejja kiteb “Forsi rrekordjajna dwett flimkien”.

Bħal ma tistgħu taħsbu, dan il-post fuq l-Instagram qajjem ħafna interess b’ħafna hekk kif is-segwaċi tagħhom urew entuzjażmu għal din l-aħbar.

Ritratt: Instagram

Emma, li dan l-aħħar infirdet minn Biondo, qed jingħad li kellha jew għandha xi relazzjoni ma’ dan Fede. Però dawn huma biss xnigħat, bla konfermi uffiċjali, li qed jinxterdu fuq l-internet.

Dwar Biondo, Emma diġà stqarret li bejnha u bejn l-eks maħbub tagħha hemm ħbiberija sinċiera u dan jawgura tajjeb peress li dawn it-tnejn għadhom għaddejjin bil-promozzjoni tas-silta tagħhom Avec Moi.

Diġà rajnihom fuq ir-RAI l-Ħadd li għadda waqt ix-xandira tas-serata tas-SEAT Music Awards, u ftit ġimgħat qabel fuq Canale 5 permezz ta’ Verissimo u dalwaqt se jkunu qed jidhru f’edizzjoni ta’ Battiti Live li Italia Uno se jibda jxandar mill-10 ta’ Lulju.

AQRA: Emma Muscat fil-lista ta’ parteċipanti ta’ Battiti Live

Però għad mhux magħrufa d-data meta l-edizzjoni li se tieħu sehem fiha hemm Muscat se tkun qed tixxandar fuq l-Italia Uno.

Ovvjament nagħmlu ħilitna biex inżommukom aġġornati, l-istess kif se nagħmlu jekk tassew Emma Muscat irrekordjat dwett ma’ Fede!