Emma Muscat illejla mal-Kbar tal-mużika Taljana fuq Rai Uno

Ritratt: Facebook

Emma Muscat ilbieraħ filgħaxija, flimkien ma’ Biondo, kantat fuq il-palk ta’ Arena di Verona fit-tieni serata tas-Seat Music Awards li se tkun qed tixxandar illejla fuq Rai Uno, bi preżentazzjoni ta’ Carlo Conti u Vanessa Incontrada.

Dan l-ispettaklu qed jixxandar ġurnata biss wara li jkun sar u filfatt ilbieraħ fuq it-televiżjoni xandru l-ewwel serata li kienet saret it-Tlieta filgħaxija.

Illejla mistenni li naraw lil Emma Muscat u Biondo jinterpretaw is-silta Avec Moi u se naraw ukoll lil Alberto Urso, ir-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni ta’ Amici.

L-ispettaklu li se jitwassal fuq Rai Uno bejn it-20.30 u l-23.30 se jinkludi wkoll is-sehem ta’ uħud mill-kantanti l-kbar tal-mużika Taljana, fosthom Nek, Boomdabash, Luchè, Paola Turci, Raf & Umberto Tozzi, Francesco Gabbani, Fabrizio Moro, Levante, Annalisa, Loredana Bertè, Marco Mengoni, Anna Tatangelo, Anastasio, Enrico Nigiotti, Fiorella Mannoia, Achille Lauro, Alessandra Amoroso, Gazzelle u Giusy Ferreri.

Il-mistieden internazzjonali huwa Mika.