Emma Marrone mhux ġejja Malta; problemi f’saħħitha

Ritratt: Toni Thorimbert

Il-kantanta Taljana Emma Marrone ħabbret illum permezz tal-Instagram li mhux se tkun ġejja Malta għall-kunċert li se jittella’ fuq il-Fosos tal-Furjana nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru.

AQRA: Kantanti Taljani għall-Furjana; ara min huma

Filwaqt li rringrazzjat lill-organiżżaturi, Radio Italia, il-kantanta spjegat li minn nhar it-Tnejn li ġej hija se tkun qed tagħmel waqfa fil-karriera tagħha minħabba li għandha problema f’saħħitha.

Il-kantanta ta’ 35 sena, li kienet rebħet l-edizzjoni tal-2010 tal-programm Amici, diġà kellha kanċer fl-2009 u bosta huma dawk li qed jispekolaw li dan reġà tfaċċa.

Hija ma daħlitx fid-dettal dwar in-natura tal-problema li għandha f’saħħitha iżda wegħdet lill-ammiraturi tagħha li se tkun qed tirritorna bil-kbir fix-xena mużikali għax għad għandha ħafna materjal x’taqsam mas-segwaċi tagħha.