Emma fl-10 post fil-klassifika Taljana

Minn suċċess għal ieħor għall-kantanta Maltija Emma Muscat, issa li rnexxielha tikklassifika fl-10 post fil-klassifika tal-albums fl-Italja.

Il-ġurnal Taljan Corriera della Sera rrapporta li Emma, l-iżgħar fil-klassifika, irnexxielha tikseb dan il-post bl-album tagħha ‘Moments’. Emma tingħaqad ma’ 5 oħra fil-klassifika li għandhom taħt il-25 sena, u hi l-unika mara.

L-ewwel post fil-klassifika huwa Irama, li kien ir-rebbieħ tal-programm televiżiv Amici, minn fejn bdiet il-karriera ta’ Emma, u ilu f’dan il-post għal 7 ġimgħat. Fis-6 post hemm il-maħbub ta’ Emma, Biondo.

Din l-aħbar tajba għal Emma tiġi wara l-ħolma li saret realtà tagħha meta kantat ma’ Eros Ramazzotti waqt il-kunċert ta’ Joseph Calleja nhar is-Sibt li għadda.