Emirates SkyCargo żżid it-titjiriet bil-merkanzija essenzjali

Read in English.

Bl-għan li tibqa’ impenjata biex twassal l-ikel, il-provisti mediċinali u l-prodotti essenzjali mad-dinja, matul il-pandemija tal-Covid-19, l-Emirates SkyCargo żiedet is-servizzi ta’ merkanzija biex tkabbar il-konnettività ta’ bejn il-pajjiżi.

Bħalissa l-Emirates qed topera titjiriet ta’ merkanzija bl-ajru għal 51 destinazzjoni madwar id-dinja: 19 minnhom huma bliet li qed jitlaħqu bl-ajruplani tal-merkanzija SkyCargo Boeing 777, li kapaċi jġorru sa 100 tunnellata kull titjira, u 38 destinazzjoni huma moqdija bit-titjiriet tal-ajruplani tal-passiġġieri tal-Emirates Boeing 777 li kapaċi jtellgħu sa 50 tunnellata. (Għal-lista sħiħa tad-destinazzjonijiet u l-iskedi tat-titjiriet, fis-sit tal-Emirates SkyCargo hawn).

Nabil Sultan, il-Viċi President Għoli tat-Taqsima tal-Merkanzija tal-Emirates, qal li: “Fl-aħħar ħmistax żidna sew, b’mod partikolari, it-trasport tal-merkanzija bl-ajruplani tal-passiġġieri fl-ispazju fejn is-soltu jitgħabbew il-bagalji. L-Emirates SkyCargo qed tespandi n-network tagħha kuljum u wħud mill-aħħar destinazzjonijiet għat-titjiriet tal-merkanzija bl-ajruplani tal-passiġġieri tagħna jinkludu Bangkok, Casablanca, Johannesburg, Singapore u Taipei. It-titjiriet tal-merkanzija bl-ajru jibqgħu l-iżjed mezz veloċi ta’ trasport tal-provisti essenzjali għal min jeħtieġhom, u t-twessigħ tan-network tagħna qed iżid il-konnettività bejn il-pajjiżi madwar id-dinja.”

Matul il-ġimgħa li ntemmet fl-4 ta’ April 2020, l-Emirates SkyCargo operat aktar minn 160 titjira fuq l-ajruplani tal-merkanzija u daqs 90 titjira oħra fuq l-ajruplani tal-passiġġieri. Il-ġimgħa ta’ wara, biss biss, saru madwar 160 titjira bil-merkanzija fuq l-ajruplani tal-passiġġieri.

Biex tagħmel l-operat tagħha iżjed effettiv u tnaqqas l-ispejjeż f’dan iż-żmien ta’ sfida madwar id-dinja, l-Emirates SkyCargo ttrasferiet ukoll l-ipproċessar tal-merkanzija kollha lejn Dubaj, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj. Tista’ ssegwi din il-bidla fl-operat tal-Emirates SkyCargo, minn dan il-filmat.

Titjiriet Charter

Minbarra t-titjiriet skedati, l-Emirates SkyCargo qed topera wkoll iżjed titjiriet speċjali (charter) bl-ajruplani tal-merkanzija u bl-ajruplani tal-passiġġieri. Mill-bidu ta’ April għamlet iżjed minn 30 titjira charter, li bihom għaqqdet 20 destinazzjoni globali. Il-prodotti ewlenin li qed jinġarru f’dawn it-titjiriet speċjali huma provisti mediċinali bħal maskri, tagħmir għall-protezzjoni tal-wiċċ, sanitisers u apparat għall-isptarijiet, kif ukoll prodotti farmaċewtiċi, materja prima u spare parts.

F’temp ta’ tlett ijiem biss, bejn is-7 u d-9 ta’ April, twasslu dawn il-prodotti bit-titjiriet speċjali (charter) tal-Emirates SkyCargo:

  • 100 tunnellata maskri u tagħmir protettiv ieħor minn Guangzhou għal Dubaj fis-7 ta’ April. Dawn kienu parti minn numru ta’ titjiriet speċjali oħra li wasslu l-provisti mediċinali l-Emirati Għarab Magħquda;
  • Madwar 100 tunnellata provisti mediċinali, li jinkludu maskri u tagħmir protettiv f’titjira li saret fit-8 ta’ April minn Shanghai għal Mumbai bl-ajruplan tal-merkanzija tal-Emirates SkyCargo Boeing 777;
  • 100 tunnellata tagħmir protettiv imwassla minn Shanghai sa Dubaj bl-ajruplan tal-merkanzija Boeing 777 fit-8 ta’ April. Dawn il-provisti mbagħad taru għal Bucharest fl-10 u l-11 ta’ April b’erba’ titjiriet separati fuq l-ajruplani tal-passiġġieri Boeing 777;
  • Iżjed minn seba’ tunnellati provisti mediċinali għal Los Angeles fit-8 ta’ April fl-ispazju tal-bagalji ta’ taħt l-ajruplan tal-passiġġieri tal-Emirates, Boeing 777. Din kienet ukoll l-ewwel titjira speċjali bil-merkanzija fuq dan l-ajruplan operat mill-Emirates SkyCargo għall-Amerka ta’ Fuq;
  • Madwar 1 miljun kit ta’ testijiet għall-Covid-19 lejn Sao Paulo fid-9 ta’ April. Fit-30 ta’ Marzu twasslet konsenja oħra ta’ 500,000 kit.

L-Emirates SkyCargo għandha tim dinamiku fit-taqsima tal-operat ta’ dawn it-titjiriet speċjali, li qed jaġixxi fil-pront għad-domanda. F’xi każi, dawn irnexxielhom idaħħlu titjira speċjali f’temp ta’ 24 siegħa minn meta tkun saret it-talba għaliha.

It-timijiet globali tal-Emirates SkyCargo qed jaħdmu bla heda u jagħmlu kulma jistgħu

L-istaff tal-Emirates SkyCargo taċ-Ċentru tagħna f’Dubaj u ta’ madwar id-dinja qed jaħdmu ħafna b’risq it-trasport sigur u effiċjenti ta’ din il-merkanzija meħtieġa globalment, minkejja l-isfidi kollha li għaddejja bħalissa minnhom id-dinja.

Sultan kompla li: “F’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi li qatt ma rajna bħalha, l-istaff tagħna hu impenjat bis-sħiħ biex iwassal il-mediċini, l-apparat mediku, l-ikel u l-aktar prodotti essenzjali lin-nies u n-negozji madwar id-dinja mingħajr ma jolqot il-livelli għolja tas-servizz li jiddistingwu l-Emirates SkyCargo minn kompetituri oħra f’dan is-suq. Tassew grati għall-isforzi bla heda tal-membri tat-tim tagħna li qed jagħtuna riżultati ta’ suċċess fl-operat tagħna.”

Uħud mill-istazzjonijiet tal-Emirates SkyCargo, bħal dawk ta’ Hong Kong u Amsterdam, kellhom jieħdu ħsieb aktar titjiriet ta’ merkanzija mis-soltu. L-istazzjon ta’ Hong Kong kellu jimmaniġġja iżjed minn 30 titjira, u l-istazzjon ta’ Amsterdam kellu iżjed minn 16-il titjira fil-ġimgħa.

It-tim tal-Emirates SkyCargo f’Karachi saħansitra kiser ir-rekord dinji tal-merkanzija massima li tgħabbiet fl-ispazju ta’ taħt l-ajruplani tal-passiġġieri Boeing 777-300ER. It-tim għen biex twasslu ftit inqas minn 62 tunnellata merkanzija, li kienet tinkludi ħaxix, ħut u laħam, f’titjira waħda lejn Dubaj.

It-twassil tal-ikel u l-provisti mediċinali fl-Emirati Għarab Magħquda

L-Emirates SkyCargo, permezz tan-network globali tagħha, kien strumentali fl-importazzjoni ta’ aktar minn 33,000 tunnellata ikel bi skadenza qasira u ta’ aktar minn 1,700 tunnellata prodotti farmaċewtiċi fl-Emirati Għarab Magħquda mill-bidu tas-sena. L-ikel jitwassal minn għadd ta’ swieq madwar id-dinja, li jinkludu l-Awstralja, l-Indja, il-Kenja u l-Pakistan.

Sultan enfasizza wkoll li, “Bis-saħħa tal-espansjoni tan-network tagħna qed inkopru iżjed minn 50 destinazzjoni globali u b’hekk naċċertaw li jkun hemm provista konsistenti ta’ ikel u mediċini minn madwar id-dinja lejn l-Emirati Għarab Magħquda. L-Emirates SkyCargo tibqa’ kommessa favur dan it-trasport bl-ajru ta’ ikel vitali u ta’ provisti mediċinali lejn il-pajjiż.”

Globalment, l-Emirates SkyCargo ġarret aktar minn 93,000 tunnellata ikel bi skadenza qasira u aktar minn 20,000 tunnellata prodotti tal-farmaċewtika. Ittrasportat ukoll iżjed minn 3,000 tunnellata provisti mediċinali għall-kura tal-Covid-19 madwar id-dinja.

Il-ġimgħa l-oħra, il-kru tal-art tal-Emirates madwar id-dinja sellem lill-aħħar titjiriet lura lejn Dubaj. It-titjira EK 005 għall-Ajruport ta’ Heathrow f’Londra, li telqet fl-16:05 fl-24 ta’ Marzu kienet l-aħħar waħda minn Dubaj. It-titjira EK 262 minn Sao Paulo, li waslet fl-22:35 (ħin lokali) tal-25 ta’ Marzu, kienet l-aħħar titjira li waslet Dubaj.

It-timijiet tal-Emirates fl-ajruporti għal barra minn 39 stazzjon, li jinkludu dawk ta’ Praga, Newark, Seoul, Stansted f’Londra u Zurich, bagħtu l-aħħar titjiriet tal-passiġġieri qabel daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin it-timijiet tal-operat tal-Emirates se jkunu qed iħejju għat-tkomplija tas-servizz.

Kif mitlub mid-direttivi tal-gvern tal-Emirati Għarab Magħquda, biex il-komunitajiet tal-pajjiż ikunu mħarsa mill-imxija tal-COVID-19, mill-25 ta’ Marzu 2020, l-Emirates waqqfet temporanjament it-titjiriet kollha tal-passiġġieri. Il-linja tal-ajru se terġa’ tibda dan is-servizz malli jkun possibbli. Sadattant l-Emirates għaddejja bla heda bil-ġarr internazzjonali ta’ provisti vitali bħal mediċini u ikel, permezz tal-flotta tal-ajruplani tal-merkanzija tagħha Boeing 777, madwar id-dinja.